Internet
L-internet huwa sistema globali ta' networks interkonnessi tal-kompjuters li tuża ġabra ta' protokolli tal-internet (TCP/IP) għall-komunikazzjoni bejn in-networks u l-apparati. Huwa network ta' networks magħmul minn networks privati, pubbliċi, akkademiċi, tan-negozju u tal-gvern b'ambitu lokali sa glonali, ikkollegati permezz ta' teknoloġiji tan-networking elettroniċi, bla fili u ottiċi. L-internet fih sensiela enormi ta' servizzi u ta' riżorsi, bħal dokumenti ipertestwali interkonnessi u applikazzjonijiet tal-World Wide Web (WWW), posta elettronika, gruppi ta' diskussjoni, telefonija tal-internet, mezzi ta' streaming u kondiviżjoni ta' fajls.

L-iżjed mezzi ta' komunikazzjoni tradizzjonali, inkluż it-telefon, ir-radju, it-televiżjoni, il-posta stampata, il-gazzetti u d-dokumenti stampati, ġew ittrasformati bl-internet, u dan wassal għal mezzi ġodda bħall-email, il-mużika online, il-gazzetti diġitali, l-aggregaturi tal-aħbarijiet, u s-siti web tal-istreaming tal-awdjo u tal-filmati. L-internet iffaċilita u aċċellera forom ġodda ta' interazzjoni personali permezz tal-messaġġeriji istantanji, il-forums tal-internet, u s-servizzi tan-networking soċjali. Ix-xiri online kiber ukoll u jokkupa suq sinifikanti fost l-industriji, u b'hekk id-ditti qed jestendu l-preżenzi fiżiċi tagħhom tal-ħwienet biex jaqdu swieq akbar. Is-servizzi finanzjarji u bejn in-negozji fuq l-internet jaffettwaw il-ktajjen tal-provvista f'industriji sħaħ.
L-oriġini tal-internet imorru lura għar-riċerka li ffaċilitat il-kondiviżjoni taż-żmien tar-riżorsi tal-kompjuters, l-iżvilupp tal-bdil tal-pakketti, u d-disinn ta' networks tal-kompjuters għall-komunikazzjoni tad-data. Is-sett ta' protokolli tal-komunikazzjoni biex jiffaċilitaw l-internetworking fuq l-internet feġġew mir-riċerka u mill-iżvilupp ikkummissjonati fis-snin 70 tas-seklu 20 mill-Aġenzija tal-Proġetti Avvanzati tar-Riċerka fid-Difiża (DARPA) tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti b'kollaborazzjoni mal-universitajiet u mar-riċerkaturi madwar l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza.
L-internet ma għandu l-ebda governanza ċentralizzata unika la fl-implimentazzjoni teknoloġika u lanqas fil-politiki dwar l-aċċess u l-użu. Kull network kostitwenti jistabbilixxi l-politiki tiegħu stess. Id-definizzjonijiet kumplessivi taż-żewġ spazji tal-isem prinċipali tal-internet, l-ispazju tal-indirizz tal-protokoll tal-internet (indirizz IP) u s-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji (DNS), jiġu diretti minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni, il-Korporazzjoni tal-Internet għall-Ismijiet u għan-Numri Assenjati (ICANN). L-irfid u l-istandardizzazzjoni tekniċi tal-protokolli ewlenin huma attività f'idejn it-Task Force tal-Inġinerija tal-Internet (IETF) mingħajr skop ta' qligħ.[1][2][3][4]
Il-kelma internetted (bil-Malti: internettjat) intużat saħansitra fl-1849, u tfisser interkonness jew minsuġ ġo xulxin. Il-kelma internet intużat fl-1945 mid-Dipartiment tal-Gwerra tal-Istati Uniti f'manwal tal-operaturi tar-radju, u fl-1974 bħala forma mqassra tax-xogħol tal-internet. Illum il-ġurnata, it-terminu internet jirreferi l-iktar għas-sistema globali ta' networks interkonnessi tal-kompjuters, għalkemm jista' jirreferi wkoll għal kwalunkwe grupp ta' networks iżgħar.
Il-kelma internet ġie tinkiteb b'ittra kapitali bħala nom proprju (speċjalment bl-Ingliż), iżda kulma jmur din l-użanza qed issir inqas komuni. Din tirrefletti t-tendenza bl-Ingliż li t-termini l-ġodda jinkitbu b'ittra kapitali u mbagħad jinkitbu b'ittra żgħira ladarba jsiru familjari. Xi kultant il-kelma għadha tinkiteb b'ittra kapitali biex tinżamm distinzjoni bejn l-internet globali u n-networks iżgħar, għalkemm bosta pubblikazzjonijiet, inkluż l-AP Stylebook mill-2016, jirrakkomandaw li tinkiteb b'ittra żgħira f'kull każ. Fl-2016, id-Dizzjunarju tal-Ingliż ta' Oxford sab li, abbażi ta' studju ta' madwar 2.5 biljun sors stampat u online, il-kelma "internet" kienet miktuba b'ittra kapitali f'54 % tal-każijiet.
It-termini internet u World Wide Web spiss jintużaw b'mod interskambjabbli; spiss wieħed jista' jgħid li "dieħel fuq l-internet" meta juża brawżer tal-web biex jara l-paġni web. Madankollu, il-World Wide Web, jew il-Web, huwa wieħed biss mill-għadd kbir ta' servizzi tal-internet. Din hija ġabra globali ta' paġni web, dokumenti u riżorsi oħra tal-web ikkollegati permezz ta' hyperlinks u URLs.
Snin 60 tas-seklu 20
immodifikaFis-snin 60 tas-seklu 20, ix-xjenzati tal-kompjuters bdew jiżviluppaw sistemi għall-kondiviżjoni taż-żmien tar-riżorsi tal-kompjuters. J. C. R. Licklider ippropona l-idea ta' network universali meta kien jaħdem ma' Bolt Beranek & Newman, u iktar 'il quddiem meta kien fit-tmun tal-Uffiċċju tat-Tekniki tal-Ipproċessar tal-Informazzjoni fl-Aġezija tal-Proġetti Avvanzati tar-Riċerka (ARPA) tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti. Ir-riċerka dwar il-bdil tal-pakketti, waħda mit-teknoloġiji fundamentali tal-internet, bdiet fix-xogħol ta' Paul Baran f'RAND fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, u b'mod indipendenti permezz ta' Donald Davies fil-Laboratorju Fiżiku Nazzjonali tar-Renju Unit fl-1965.
Wara s-Simpożju dwar il-Prinċipji tas-Sistemi Operattivi fl-1967, il-bdil tal-pakketti min-network NPL propost ġie inkorporat fid-disinn tal-ARPANET, network sperimentali tal-kondiviżjoni tar-riżorsi propost minn ARPA. L-iżvilupp tal-ARPANET beda b'żewġ nodi tan-networks li ġew interkonnessi bejn l-Università ta' California, Los Angeles u l-Istitut tar-Riċerka ta' Stanford fid-29 ta' Ottubru 1969. It-tielet sit kien fl-Università ta' California, Santa Barbara, segwit mill-Università ta' Utah.
Snin 70 tas-seklu 20
immodifikaSal-aħħar tal-1971, 15-il sit kienu konnessi mal-ARPANET innovattiv. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-ARPANET gradwalment żviluppa f'network deċentralizzat tal-komunikazzjonijiet, u kkollegat iċ-ċentri remoti u l-bażijiet militari fl-Istati Uniti. Networks oħra tal-utenti u networks tar-riċerka, bħall-Merit Network u s-CYCLADES, ġew żviluppati fl-aħħar tas-snin 60 u fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20. Il-kollaborazzjonijiet internazzjonali bikrin għall-ARPANET kienu rari. Saru konnessjonijiet fl-1973 man-Norveġja (NORSAR, u iktar 'il quddiem, NDRE) u mal-grupp tar-riċerka ta' Peter Kirstein fil-University College London, li pprovdew gateway għan-networks akkademiċi Brittaniċi, l-ewwel internetwork għall-kondiviżjoni tar-riżorsi.
Il-proġetti tal-ARPA, il-Grupp ta' Ħidma tan-Networks Internazzjonali u inizjattivi kummerċjali wasslu għall-iżvilupp ta' diversi protokolli u standards li permezz tagħhom diversi networks separati setgħu jsiru network uniku, jew network ta' networks. Fl-1974, Vint Cerf fl-Università ta' Stanford u Bob Kahn f'DARPA ppubblikaw proposta għal "Protokoll għall-Interkomunikazzjoni tan-Networks tal-Pakketti". Cerf u l-istudenti universitarji tiegħu użaw it-terminu internet bħala taqsira ta' xogħol tal-internet fl-RFC 675. In-Noti tal-Esperiment tal-Internet u RFCs ta' wara tennew dan l-użu. Ix-xogħol ta' Louis Pouzin u ta' Robert Metcalfe kellu influwenzi importanti fuq id-disinn effettiv tat-TCP/IP. Il-PTTs nazzjonali u l-fornituri kummerċjali żviluppaw l-istandard X.25 u skjerawh għan-networks tad-data pubbliċi.
Snin 80 tas-seklu 20
immodifikaL-ARPANET inizjalment serva bħala sinsla għall-interkonnessjoni ta' networks akkademiċi u militari reġjonali fl-Istati Uniti biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tar-riżorsi. L-aċċess għall-ARPANET twessa' fl-1981 meta l-Fondazzjoni tax-Xjenza Nazzjonali (NSF) iffinanzjat in-Network tax-Xjenza tal-Kompjuters (CSNET).
Fl-1982, il-Ġabra ta' Protokolli tal-Internet (TCP/IP) ġiet standardizzata, u dan iffaċilita l-proliferazzjoni dinjija tan-networks interkonnessi. L-aċċess tan-networks bit-TCP/IP twessa' mill-ġdid fl-1986 meta n-Network tal-Fondazzjoni tax-Xjenza Nazzjonali (NSFNet) ipprovda l-aċċess għas-siti tas-superkompjuters fl-Istati Uniti għar-riċerkaturi, l-ewwel b'veloċitajiet ta' 56 kbit/s u iktar 'il quddiem b'veloċitajiet ta' 1.5 Mbit/s u ta' 45 Mbit/s.
L-NSFNet twessa' f'organizzazzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka fl-Ewropa, fl-Awstralja, fi New Zealand u fil-Ġappun fl-1988–1989. Għalkemm protokolli oħra tan-networks bħan-networks tad-data pubbliċi UUCP u PTT kellhom kopertura globali ferm qabel dan iż-żmien, dan immarka l-bidu tal-internet bħala network interkontinentali. Il-fornituri tas-servizz tal-internet kummerċjali tfaċċaw fl-1989 fl-Istati Uniti u fl-Awstralja. L-ARPANET ġie dekummissjonat fl-1990.
Snin 90 tas-seklu 20
immodifikaIl-kollegament tan-networks kummerċjali u tal-impriżi sal-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, kif ukoll il-wasla tal-World Wide Web, immarkaw il-bidu tat-tranżizzjoni lejn l-internet modern. Avvanzi kostanti fit-teknoloġija tas-semikondutturi u fin-networking ottiku ħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-involviment kummerċjali fl-espansjoni tan-network fil-qalba tiegħu u għat-twassil ta' servizzi lill-pubbliku. F'nofs l-1989, MCI Mail u Compuserve stabbilew konnessjonijiet mal-internet, u pprovdew l-email u l-prodotti ta' aċċess pubbliku lil nofs miljun utent tal-internet.
Ftit xhur wara, fl-1 ta' Jannar 1990, PSInet nediet sinsla alternattiva tal-internet għall-użu kummerċjali; wieħed min-networks li żdied mal-qalba tal-internet kummerċjali tas-snin ta' wara. F'Marzu 1990, l-ewwel kollegament ta' veloċità għolja T1 (1.5 Mbit/s) bejn l-NSFNET u l-Ewropa ġie installat bejn l-Università ta' Cornell u s-CERN, u dan ippermetta komunikazzjonijiet ferm iktar sodi minn dawk offruti bis-satelliti.
Iktar 'il quddiem fl-1990, Tim Berners-Lee beda jħejji l-WorldWideWeb, l-ewwel brawżer tal-web, wara sentejn ta' pressjoni mal-ġestjoni tas-CERN. Sal-Milied tal-1990, Berners-Lee kien bena l-għodod kollha meħtieġa għal web li jaħdem: il-Protokoll tat-Trasferiment Ipertestwali (HTTP) 0.9, il-Lingwaġġ tal-Markaturi Intertestwali (HTML), l-ewwel brawżer tal-web (li kien ukoll editur tal-HTML u seta' jaċċessa n-newsgroups tal-Usenet u l-fajls FTP), l-ewwel software tas-server tal-HTTP (iktar 'il quddiem magħruf bħala CERN httpd), l-ewwel server tal-web, u l-ewwel paġni web li ddeskrivew il-proġett stess.
Fl-1991 ġie stabbilit il-Commercial Internet eXchange (skambju tal-internet kummerċjali), u b'hekk il-PSInet seta' jikkomunika man-networks kummerċjali l-oħra bħas-CERFnet u l-Alternet. L-Unjoni tal-Kreditu Federali ta' Stanford kienet l-ewwel istituzzjoni finanzjarja li offriet servizzi bankarji tal-internet online lill-membri kollha tagħha f'Ottubru 1994. Fl-1996, il-Grupp Finanzjarju OP, bank kooperativ ieħor, sar it-tieni bank online fid-dinja u l-ewwel wieħed fl-Ewropa. Sal-1995, l-internet ġie kkummerċjalizzat għalkollox fl-Istati Uniti meta l-NSFNet ġie dekummissjonat, u b'hekk tneħħew l-aħħar restrizzjonijiet fuq l-użu tal-internet għat-traffiku kummerċjali.
Iktar ma t-teknoloġija avvanzat u l-opportunitajiet kummerċjali xprunaw it-tkabbir reċiproku, il-volum ta' traffiku tal-internet beda jesperjenza karatteristiċi simili għal dawk tal-iskalar tat-transistors tal-MOS, kif spjegat bil-liġi ta' Moore, u beda jirdoppja kull 18-il xahar. Dan it-tkabbir, ifformalizzat bħala l-liġi ta' Edholm, ġie katalizzat mill-avvanzi fit-teknoloġija tal-MOS, fis-sistemi tal-mewġ tad-dawl bil-laser u fil-prestazzjoni tal-istorbju.
Seklu 21
immodifika| 2005 | 2010 | 2017 | 2023 | |
|---|---|---|---|---|
| Popolazzjoni dinjija (biljuni) | 6.5 | 6.9 | 7.4 | 8.0 |
| Madwar id-dinja | 16% | 30% | 48% | 67% |
| Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw | 8% | 21% | 41.3% | 60% |
| Fil-pajjiżi żviluppati | 51% | 67% | 81% | 93% |
Mill-1995, l-internet kellu impatt tal-għaġeb fuq il-kultura u l-kummerċ, inkluż iż-żieda tal-komunikazzjoni kważi istantanja bl-email, bil-messaġġerija istantanja, bit-telefonija (Protokoll tal-Vuċi fuq l-Internet jew VoIP), it-telefonati interattivi reċiproċi b'mod viżiv, u l-World Wide Web. Ammonti dejjem jiżdiedu ta' data qed jiġu trażmessi b'veloċitajiet dejjem ogħla permezz ta' networks tal-fibra ottika li joperaw b'1 Gbit/s, b'10 Gbit/s jew iktar. L-internet qed ikompli jikber, xprunat b'ammonti dejjem akbar ta' informazzjoni, għarfien, kummerċ, divertiment u servizzi tan-networking soċjali online.
Lejn l-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, ġie stmat li t-traffiku tal-internet pubbliku kiber b'100 fil-mija kull sena, filwaqt li t-tkabbir annwali medju fl-għadd ta' utenti tal-internet kien maħsub li kien bejn 20 % u 50 %. Dan it-tkabbir spiss jiġi attribwit għan-nuqqas ta' amministrazzjoni ċentrali, li jippermetti t-tkabbir organiku tan-network, kif ukoll in-natura mhux proprjetarja tal-protokolli tal-internet, li jħeġġu l-interoperabbiltà tal-bejjiegħa u jipprevjenu li kumpanija waħda jkollha wisq kontroll fuq in-network.
F'Novembru 2006, l-internet ġie inkluż fil-lista tal-USA Today tas-Seba' Għeġubijiet il-Ġodda. Mill-31 ta' Marzu 2011, l-għadd stmat totali ta' utenti tal-internet kien ta' 2.095 biljun (30 % tal-popolazzjoni dinjija). Huwa stmat li fl-1993 l-internet kellu fluss ta' informazzjoni ta' 1 % biss permezz tat-telekomunikazzjoni reċiproka. Sas-sena 2000 din iċ-ċifra kienet kibret għal 51 %, u sal-2007 iżjed minn 97 % tal-informazzjoni kollha permezz tat-telekomunikazzjoni kienet tinsab fuq l-internet. L-ismartphones moderni jistgħu jaċċessaw l-internet permezz ta' networks ċellulari, u l-użu tal-internet bil-mowbajls u bit-tablets qabeż l-użu bil-kompjuters għall-ewwel darba f'Ottubru 2016. Mill-2018, 80 % tal-popolazzjoni dinjija kellha kopertura b'network 4G.
Komunikazzjoni mobbli
immodifikaL-Unjoni tat-Telekomunikazzjoni Internazzjonali (ITU) stmat li sal-aħħar tal-2017, 48 % tal-utenti individwali jaqbdu regolarment mal-internet; żieda mill-34 % fl-2012. Il-konnettività tal-internet mobbli kellha rwol importanti fl-espansjoni tal-aċċess f'dawn l-aħħar snin, speċjalment fl-Asja, fil-Paċifiku u fl-Afrika. L-għadd ta' abbonamenti ċellulari mobbli uniċi żdied minn 3.9 biljun fl-2012 għal 4.8 biljun fl-2016, żewġ terzi tal-popolazzjoni dinjija, b'iżjed minn nofs l-abbonamenti li jinsabu fl-Asja u fil-Paċifiku.
Il-limiti li jiffaċċjaw l-utenti fl-aċċess tal-informazzjoni permezz tal-applikazzjonijiet mobbli jimxu id f'id mal-proċess usa' ta' frammentazzjoni tal-internet. Il-frammentazzjoni tirrestrinġi l-aċċess għall-kontentut tal-mezzi tax-xandir u għandha t-tendenza li taffettwa l-iktar lill-ifqar utenti. Soluzzjoni waħda, magħrufa bħala l-klassifikazzjoni żero jew zero-rating, hija l-prattika tal-fornituri tas-servizz tal-internet li jippermettu konnettività b'xejn lill-utenti biex jaċċessa kontenut speċifiku jew applikazzjonijiet speċifiċi mingħajr ħlas.
Referenzi
immodifika- ↑ Abbate, Janet (1999). Inventing the Internet. Cambridge, Massachusetts: MIT Press. ISBN 978-0-262-01172-3. p .3.
- ↑ "The Computer History Museum, SRI International, and BBN Celebrate the 40th Anniversary of First ARPANET Transmission, Precursor to Today's Internet | SRI International". www.sri.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-03-29. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "How the Internet Came to Be". elk.informatik.hs-augsburg.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-26. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "HowStuffWorks "Who owns the Internet?"" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.